GĦAŻIŻA OMMI

Mużika ta’ Joseph Vella

Kliem ta’ Lawrence Mizzi

Kemm il-darba matul ħajti,
Insejjaħlek, għażiża ommi,
Imma m’hemmx kelma isbaħ w’oħla
Li titbissem minn fuq fommi!
Ħsiebi dejjem jhewden bik,
U din qalbi kollha għalik.

Insejjaħlek kull filgħodu,
U tweġibni minnufih;
Insejjaħlek kull fl-għaxija,
Qabel nidħol biex nistrieħ.
Int tagħtini l-barka tiegħek,
Biex iżżomni marbut miegħek.

Meta nibża’, meta’ nibki,
Meta nokrob għax miġugħ,
Insejjaħlek . . . u kif tiġi,
Mill-ġdid nerġa’ nieħu r-ruħ.
Meta nkunu qrib xulxin,
Qlubna dejjem ferħanin.

U x’nibda nagħmel jekk tħallini,
U le nibqa’ nsibek qrib?
Min jagħtini wens jew faraġ?
Min jeħlisni mit-tiġrib?
Min jisqini? Min jitmagħni?
Min ikolli biex jismagħni?

Iva nħobbok, Ma, inħobbok.
Qalbi kollha nagħtik jien!
Matul ħajtek, wara mewtek,
Nibqa’ naħseb fik kull żmien.
Insejjaħlek “Għażiża Ommi”
Għax kelma oħla ma jafx fommi.