FIL-ĠNIEN

Mużika ta’ Joseph Vella

Kliem ta’ Trevor Zahra

Imxu nieklu ikla naspli
Minn ġol-ġnien taz-Ziju Nin,
Dritt ġo żaqqna jibqa’ nieżel;
Tassew tajjeb! Tassew bnin!

Għandna ċ-ċawsli aħmar, aħmar,
Qed igħajtilna biex nikluh,
Ħamsa, ħamsa, sitta, sitta,
Kemm hu tajjeb! Kemm ifuħ!

Il-berquq bin-nemex aħmar,
Artab, artab, misjur sew,
Waħda ġa xħitnieha f’ħalqna
Tnejn f’idejna jistennew.

Issa d-dar immorru lura
Kollna meraq imdellkin,
Viva s-siġar tal-frott kollha,
Viva l-ġnien taz-Ziju Nin.